FAQs
€1,000 FIS-SENA GĦAL 10 SNIN lill-first-time buyers
Kif nista’ napplika għall-għotja tal-€10,000?
Applika billi tidħol fuq is-sit housingauthority.gov.mt jew żur l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar fi 22 (Blokk D), Triq Pietro Floriani, Floriana.
Min hu eliġibbli?
Dawk il-persuni kollha li xtraw proprjetà għall-ewwel darba mill-1 ta’ Jannar 2022 ‘il quddiem u l-proprjetà tkun inxtrat permezz ta’ self minn Bank lokali.
Kif se nirċievi l-għotja u kemm-il darba?
Benefiċjarji se jkunu qegħdin jingħataw €1,000 fis-sena fuq medda ta’ 10 snin bl-għotja tidħol direttament fil-kont bankjaru tal-persuna.
X’tip ta’ kont ser jiġi depożitat fih l-għotja?
Il-kont bankarju għandu jkun dak il-kont minn fejn jinħareġ il-pagament tas-self kull xahar. F’każ ta’ koppja li akkwistaw il-proprjetà flimkien, dawn għandhom jissottomettu kont bankarju konġunt (joint account) f’isem it-tnejn sabiex tiġi depożitata fih l-għotja maħruġa taħt din l-iskema.
Kif ser jiġi approvat it-tieni pagament u pagamenti sussegwenti?
Kull sena qabel ma jinħareġ pagament, l-applikanti jintrabtu li jissottomettu kont bankarju (statement) oriġinali tal-kont tas-self tagħhom sabiex ikun jista’ jiġi approvat il-pagament li jkun imiss.
Nista’ napplika għal din l-għotja u skemi oħra bħala first-time buyer?
Iva. Persuni eliġibbli jistgħu jibbenefikaw kemm mill-għotja tal-€10,000 kif ukoll minn diversi skemi oħra li huma mmirati għall-first-time buyers maħruġa mill-Awtorità tad-Djar u/jew mill-Ministeru għall-Finanzi.
Jekk il-kuntratt tax-xiri tal-proprjetà ikun sar qabel l-1 ta’ Jannar 2022, nista’ nibbenefika?
Din l-iskema hija mmirata għall- first-time buyers li xtraw proprjetà mill-1 ta’ Jannar 2022 ’il quddiem.
F’każ ta’ koppji li parti waħda biss tkun first-time buyer, l-għotja tingħata xorta?
F’dan il każ l-għotja tkun dik ta’ ħamest elef ewro (€5,000), jiġifieri ħames mitt ewro (€500) fis-sena għal għaxar (10) snin.
F’każ li l-individwu/koppja tagħżel li tbigħ l-istess proprjetà li fuqha qed tgawdi minn din l-iskema qabel l-għaxar snin, l-għotja tibqa’ tingħata?
F’dan il-każ, l-għotja tiġi mwaqqfa immedjatament f’każ li l-proprjetà tinbigħ lil terzi.
L-€1,000 se nirċevihom f’daqqa?
Iva, €1,000 se jingħataw f’daqqa.
X’jiġri f’każ li l-post ikun inxtara minn koppja, però wieħed mill-individwi jagħżel li jixtri s-sehem tal-persuna l-oħra?
F’każ li persuna mill-koppja tiddeċiedi li żżomm il-proprjetà wara terminazzjoni ta’ relazzjoni allura l-għotja rimanenti, tibqa’ tingħata lill-applikant li żamm il-proprjetà fl-intier tagħha.
Il-proprjetà trid tkun inxtrat bilfors permezz ta’ self?
Iva, il-proprjetà trid tkun inxtrat bilfors permezz ta’ self minn Bank lokali.
Hemm xi perjodu meta jridu jiddaħħlu l-applikazzjonijiet u meta jinħareġ l-ewwel pagament?
- F’każ ta’ kuntratti li saru fl-2022, applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sa Mejju 2023. L-ewwel pagament jinħareġ f’Ġunju 2023.
- F’każ ta’ kuntratti li saru fl-2023, applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sa Marzu 2024. L-ewwel pagament jinħareġ f’Ġunju 2024.
X’jiġri jekk l-applikazzjoni tiddaħħal wara d-dati stipulati?
F’dan il-każ, l-applikant ma jkunx jista’ jibbenefika minn din l-għotja għal dik is-sena li jkun daħħal l-applikazzjoni mhux fiż-żmien stipulat però jibqa’ eliġibbli biex jirċievi l-pagament tas-sena suċċessiva.
Il-proprjetà li tkun inxtrat, tista’ tinkera lil terzi matul dawk l-10 snin jew bilfors trid tintuża bħala residenza ordinarja?
Il-proprjetà li tkun inxtrat trid bilfors tintuża bħala residenza primarja u ordinarja tal-applikant.
Jekk ingħatajt b’donazzjoni biċċa art jew arja fuq post, nista’ nikkwalifika fuq il-bini?
Jekk l-art/arja li ġiet b’donazzjoni għandek hija l-ewwel proprjetà tiegħek, jekk id-donazzjoni saret wara l-1 ta’ Jannar 2022 u jekk ħadt self biex tibni l-proprjetà fuq l-art li akkwistajt permezz tad-donazzjoni allura tista’ tibbenefika taħt din l-iskema.
It-tax rebate ta’ €300 fis-sena għall-attivitajiet sportivi, artistiċi jew kulturali huma applikabbli għal kull wild? Anka jekk familja jkollha aktar minn wild wieħed?
Iva, hija applikabbli għal kull wild inkluż jekk familja jkollha iktar minn wild wieħed.
Kif jista’ japplika ġenitur għat-tax rebate ta’ €300 fis-sena għall-attivitajiet sportivi, artistiċi jew kulturali?
L-entitajiet sportivi approvati ser jibgħatu l-informazzjoni dwar il-miżati mħallsa mill-ġenituri direttament lil Sport Malta. Wara li din l-informazzjoni tiġi verifikata minn Sport Malta din tintbagħat lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi.
F’każ ta’ korsijiet Kulturali jew Kreattivi, il-ġenituri għandhom jibgħatu l-formola hekk kif spjegat hawn: https://bit.ly/3DEl74W. Wara li l-applikazzjonijiet jiġu verifikati mill-Kunsill Malti għall-Arti dawn jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi.
Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) għas-sena d-dieħla ta’ €9.90 fil-ġimgħa hija applikabbli għal kull ħaddiem?
Iva, ż-żieda tal-COLA ser tingħata lill-impjegati kollha.
Jekk taħdem part-time eliġibbli wkoll għall-COLA?
Impjegat part-time huwa intitolat għall-parti miż-żieda għall-għoli tal-ħajja li tiżdied fi proporzjon mas-sigħat maħduma.
Jekk inti ħaddiem tal-Gvern jew ħaddiem tas-settur privat li taħdem bħala parti minn kuntratt tal-Gvern eliġibbli wkoll għall-COLA?
Iva, ser tingħata ż-żieda sħiħa tal-COLA.
Min hu eliġibbli għall-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għall-vulnerabbli?
Il-mekkaniżmu jindirizza lil dawk kollha li qegħdin jirċievu benefiċċji soċjali u dawk li jaqilgħu anqas mid-dħul medju (Median Equivalised Income), li għal din is-sena kien ta’ €17,796.
Kif tista’ tapplika għall-għotja ta’ €10,000 għall-first-time buyers fuq medda ta’ għaxar snin? Minn meta ser tkun eliġibbli?
Kull first-time buyer li jakkwista proprjetà b’self, b’valur li ma jaqbiżx il-€500,000, jista’ japplika għall-għotja ta’ €10,000. Din il-miżura ser tapplika għal kull akkwist li sar mill-1 ta’ Jannar 2022 ’l hawn, u ser tidħol fis-seħħ is-sena d-dieħla. Aktar dettalji, inkluż l-applikazzjoni, ser jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.
Apparti l-għotja tal-€10,000 għal first-time buyers, x’inhuma l-iskemi li ġew estiżi għal first-time u second-time buyers?
-
First-time buyers li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom ma jħallsu ebda taxxa tal-Boll fuq l-ewwel €200,000 tal-prezz tal-proprjetà.
-
First-time buyers li jixtru proprjetà residenzjali f’Għawdex iħallsu taxxa tal-Boll b’rata ta’ 2% minflok 5% fuq l-ammont kollu.
-
Second-time buyers li jkollhom proprjetà residenzjali waħda u jiddeċiedu li din tinbiegħ sabiex jixtru oħra, jingħataw rifużjoni tat-taxxa fuq l-ewwel €86,000 tal-prezz tal-proprjetà.
-
First-time buyers li jixtru proprjetà f’UCA jew proprjetà li ilha mibnija għal iktar minn 20 sena u ilha vakanti għal iktar minn 7 snin jibbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-proprjetà.
-
-
First-time buyers li jixtru waħda minn dawn it-tip ta’ proprjetajiet f’Malta jingħataw għotja ta’ €15,000.
-
First-time buyers li jixtru waħda minn dawn it-tip ta’ proprjetajiet f’Għawdex jingħataw għotja ta’ €30,000.
-
Kemm se tkun iż-żieda lill-pensjonanti? Kull pensjonant intitolat għal din iż-żieda?
Il-pensjonanti ser jingħataw iż-żieda tal-COLA kif ukoll żieda addizzjonali u b’hekk b’kollox ser jiżdiedu b’€12.50 fil-ġimgħa. Il-pensjonanti kollha huma intitolati għal din iż-żieda fi kliem ieħor dawk fuq pensjoni tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità u dawk fuq pensjoni tal-eta’ non-kontributorja.
Kemm hu l-limitu ta’ dħul mill-pensjoni li mhux taxxabbli?
Il-limitu ta’ dħul mill-pensjoni li mhux taxxabbli ser jitla’ għal €14,968. Dawk b’komputazzjoni ta’ miżżewġin ikomplu jgawdu minn eżenzjoni mit-taxxa fuq kull dħul ieħor sa €3,600 fis-sena.
Kemm hija ż-żieda fil-pensjoni tar-romol?
Apparti ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €12.50 fil-ġimgħa, ir-romol li ma jieħdux il-pensjoni sħiħa li kellhom żwieġhom ser jingħataw żieda medja ta’ €3.54 oħra fil-ġimgħa li tvarja skont kemm kienet il-pensjoni ta’ żwieġhom.
Kif ser jissaħħaħ il-Benefiċċju tal-Kera?
Il-Benefiċċju tal-Kera (Housing Benefit Scheme) huwa eliġibbli għal min jikri mill-privat, u ser jissaħħaħ billi l-benchmarks se jitilgħu għal €500 fix-xahar għal appartament one-bedroom, €600 fix-xahar għal appartament two-bedroom u €700 għal appartament three-bedroom.
Kemm hija ż-żieda fiċ-Children’s Allowance? Din iż-żieda ser tkun għal kull wild?
Matul l-2023 iċ-Children’s Allowance ser tiżdied b’€90 fis-sena għal kull wild.
X’inhu l-Carer’s Grant u kemm hija ż-żieda?
Il-Carer’s Grant hija għotja li tingħata lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom ta’ l-fuq minn 16-il sena b’diżabilità severa ħafna. Fil-Budget 2023 tħabbar li minn €500 dan il-benefiċċju ser jiżdied għal €4,510 fis-sena u ser jibda jitħallas kull tliet xhur.
Kemm ser ikun iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa?
Iċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa ser jerġa’ jingħata u ser ikun bejn €60 u €140 (skont it-tabella t’hawn taħt) bl-ogħla rifużjoni tibqa’ tingħata lil dawk bl-aktar dħul baxx.