Aħbarijiet riċenti

PR230767

23/05/23

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

16-il proġett ta’ spazji ħodor miftuħa għall-komunitajiet ​


80,000 metru kwadru ta’ art għat-tgawdija tan-nies​​

Il-komunitajiet se jgawdu minn spazji miftuħa ħodor b’sittax-il proġett f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, proġetti li se jagħtu nifs ġdid lill-komunità, b’110,000 persuna se jkollhom dawn l-ispazji ftit minuti bogħod mid-dar, fejn jistudjaw jew fejn jaħdmu.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Mosta, li matula tħabbru numru ta’ proġetti, kif proposti minn kunsilli lokali u entitajiet mhux governattivi, li se jkunu qegħdin isiru u jitlestew minn Project Green sal-2025 b’investiment ta’ €10 miljun.

Il-Prim Ministru spjega li l-Gvern qed jinvesti f’tmenin elf metru kwadru ta’ art biex jitgawdew bħala spazji miftuħa ġodda, jew spazji f’kundizzjoni ferm aħjar milli huma llum.

Fid-diskors tiegħu tenna li fost dawn il-proġetti hemm artijiet li setgħu nbnew, ġonna mitluqa, spazji bejn bini residenzjali, u artijiet barra mill-konfini tal-iżvilupp mitluqa; li b’dawn il-proġetti lkoll se jinbidlu f’postijiet fejn it-tfal jistgħu jiġru u jilagħbu, il-ħaddiema jistrieħu fi tmiem il-ġimgħa u l-familji jiltaqgħu.

Bl-għażla dwar liema proġett il-Gvern għandu jinvesti permezz tal-Community Greening Grant, għamlitha l-komunità nnifisha.

Fil-fatt, dawn il-proġetti, li jinfirxu min-nofsinhar tal-pajjiż sa Għawdex, huma lkoll proposti diretti ta’ kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi. Rappreżentanti eletti jew volontiera li jaħdmu ta’ kuljum fost il-komunitajiet.  

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dawn huma proġetti tan-nies, għan-nies. Proġetti li wkoll jirriflettu l-qalb soċjali ta’ gvern li se jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem, għax huwa biss pajjiż li jkun miexi ‘l quddiem li jkun jista’ jinvesti f’dawn it-tip ta’ proġetti li rrefera għalihom bħala biss il-bidu.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli spjegat li dan l-investiment se jagħti lill-komunitajiet tagħna 16-il spazju miftuħ għat-tgawdija tar-residenti. Hija tenniet li l-community greening grant hija l-ikbar skema li qatt rajna f’pajjiżna għal proġetti ambjentali s’issa. Il-Ministru Dalli sostniet ukoll li dan l-investiment qed isir fl-isfond ta’ xogħol li għaddej fuq proġetti kbar, li minnhom diġa’ infetħu spazji miftuħa ġodda oħra. Ikkonkludiet li permezz ta’ Project Green biss, mill-bidu ta’ din is-sena sa issa, infetħu u ġew riġenerati aktar minn 32,000 metru kwadru. Il-Ministru Dalli qalet li qed tħares ‘il quddiem għal aktar proġetti sostenibbli u ta’ kwalità.

PR230640

04/05/23

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI

L-aħħar xahar għall-first-time buyers li xtraw proprjetà fl-2022 biex japplikaw għall-għotja ta’ €10,000


F’xahrejn applikaw aktar minn 2,500 first-time buyer ​​

Matul ix-xahar ta’ Mejju, dawk il-first-time buyers li matul l-2022 saru sidien ta’ darhom, għandhom l-aħħar ċans biex japplikaw għall-għotja tal-€10,000 fuq medda ta’ 10 snin, hekk kif imħabbra fil-Budget 2023.

Minn meta ġiet implimentata din il-miżura, lura għal Frar ta’ din is-sena, applikaw aktar minn 2,500 first-time buyer li xtraw proprjetà għall-ewwel darba mill-1 ta’ Jannar 2022 ‘il quddiem.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, f’konferenza tal-aħbarijiet fejn matulha ta rendikont tas-suċċess u l-impatt li qed tħalli din il-miżura f’inqas minn xahrejn.

“Il-politika tal-Gvern fis-settur tal-akkomodazzjoni dejjem rat l-isfidi u r-realtajiet preżenti u aġixxiet skont il-bżonn neċessarju.” Il-Ministru żied li l-għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers huwa l-ewwel pass minn pass akbar li l-Gvern se jkun qiegħed jieħu fis-snin li ġejjin biex jassigura akkomodazzjoni affordabbli. Huwa enfasizza li “m’aħniex kuntenti li ngħinu persuna jew familja titla’ s-sellum tal-proprjetà, irridu li dawn in-nies jibqgħu fis-suq u aktar minn hekk javvanzaw ‘il fuq, biex nassiguraw saqaf dinjituż u diċenti.”

Il-Ministru rrimarka wkoll kif mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, l-Awtorità tad-Djar irreġistrat aktar minn 3,250 applikazzjoni ta’ nies li ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà li l-awtorità bi skemi u servizzi differenti qed tassigura li jgħixu ħajja ta’ kwalità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li fl-ewwel ftit xhur ta’ din is-sena l-awtorità implimentat b’suċċess din l-iskema bi proċess effiċjenti li jevita il-burokrazija żejda filwaqt li jassigura li ma jkunx hemm abbużi. Huwa temm jgħid li bħalissa għaddejja ħidma biex f’Ġunju joħorġu l-ewwel għotjiet.

PR230570

21/04/23

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI

Inwettqu Flimkien: Aktar minn 2,800 familja se jibbenifikaw minn tisħiħ fil-Benefiċċju tal-Kera

Imwettqa 86% tal-miżuri tal-baġit tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli​​

Preżentament, aktar minn 2,800 familja qed jibbenefikaw mill-Benefiċċju tal-Kera, benefiċċju li kien introdott fl-2019 u li issa se jissaħħaħ biex tkun assigurata l-affordabbiltà fis-suq tal-proprjetà, ħabbar il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Matul il-konferenza, tħabbar ukoll li 86% tal-miżuri tal-baġit tal-ministeru għas-sena 2023 ġew implimentati. Id f’id mal-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tal-baġit, bħalissa, f’diversi lokalitajiet madwar Malta, għaddejjin b’ritmu mgħaġġel ix-xogħlijiet fuq numru ta’ proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali.

“Il-punt tat-tluq fl-2019 kien ifisser li issa għandna Benefiċċju tal-Kera komprensiv, flessibbli u effettiv. Komprensiv għaliex din hija miżura li timxi id f’id mar-riforma fil-kera residenzjali, fejn kull kuntratt tal-kiri għandu l-obbligu legali li jkun irreġistrat. Flessibbli għaliex tajna assigurazzjoni li dan il-benefiċċju se jkun wieħed li jevolvi skont ir-realtajiet kurrenti tas-suq u effettiv għaliex qiegħed ikompli jagħmel is-suq tal-kera bħala alternattiva ta’ akkomodazzjoni adekwata,” spjega l-Ministru Galdes.

Huwa enfasizza li l-għan aħħari ta’ dan il-benefiċċju kien u għadu li ħadd ma jħallas iżjed minn kemm jiflaħ, irrelevanti minn kemm jinbidel is-suq. Huwa tenna, “M’aħniex kuntenti li naraw familja kemm tkampa u bil-miżuri li qegħdin inwettqu qed nassiguraw li familja tkun tista’ timxi ‘l quddiem.”

Huwa semma li bit-tisħiħ ta’ dan il-benefiċċju, li diġà ddaħħal b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2023, koppja li għandha żewġt itfal jew aktar u li d-dħul massimu ta’ din il-familja huwa ta’ ftit aktar minn €13,500 u li għandhom kirja annwali ta’ €9,600, issa se tkun qed tirċievi sa massimu ta’ €5,000 fis-sena jew €416 fix-xahar. Dan se jkun ifisser żieda ta’ €1,200 fis-sena, jew €100 fix-xahar. “Dan huwa dak li nfissru meta ngħidu li aħna gvern li jisma’, jifhem u jaġixxi għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi,” ikkonkluda l-Ministru Galdes.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura hija qabża oħra ta’ kwalità fis-settur tal-kera. Qal li, “Iż-żieda fil-benefiċċju se tiġi kkalkulata fuq formula speċifika li tibbaża fuq diversi fatturi skont il-bżonn individwali ta’ kull familja.”

Is-Segretarju Permamenti tal-Ministeru Mark Musu tkellem dwar il-proċess ta’ twettiq tal-miżuri tal-Baġit li jikkonċernaw il-qasam tal-akkomodazzjoni. Spjega li minn 7 miżuri mħabbra fil-Baġit 2023, diġà twettqu 6 miżuri. Dan ifisser rata ta’ twettiq ta’ 86%. Huwa ħabbar li s-seba’ u l-aħħar miżura tal-Baġit se titwettaq sa Lulju li ġej.

PR230497

05/04/23

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL

Din il-ġimgħa jingħataw il-pagamenti tal-In-work Benefit u l-Carer’s Grant biż-żidiet il-ġodda mħabbra fil-Baġit 2023 — Tiżdied b’55% in-nefqa soċjali fl-aħħar għaxar snin


Matul din il-ġimgħa l-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal se jkun implimenta żewġ miżuri oħra tal-Budget 2023 biex issa implimenta 20 mit-22 miżura soċjali tiegħu, jew 91%. Tefgħu aktar dawl fuq dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Mark Musù waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Waħda mill-miżuri l-ġodda hija żieda qawwija fil-Carer’s Grant li kienet ġiet introdotta għall-ewwel darba matul is-sena 2021.  Dakinhar din l-għotja bdiet titħallas fl-ammont ta’ €300 fis-sena u s-sena l-oħra telgħet għal €500 fis-sena. Hekk kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali, minn din is-sena dan il-pagament se jogħla għal nofs il-paga minima nazzjonali netta, jiġifieri kważi €4,510.  Dan l-ammont se jibda jkun maqsum f’erba’ pagamenti ta’ kważi €1,127.50 il-wieħed kull tliet xhur. Il-persuni eliġibbli ma’ għandhomx għalfejn japplikaw u l-proċess ta’ pagamenti huwa kollu awtomatiku. L-ewwel pagament tas-sena 2023 ser isir fit-8 ta’ April, u jkomplu jsiru pagamenti kull tliet xhur, bin-nefqa totali fuq din l-għotja se titla’ minn €230,000 għal €2 miljun fis-sena.

Miżura oħra ġdida implimentata tikkonċerna persuni waħidhom li jkunu fuq l-assistenzi soċjali u jibdew jieħdu l-allowance għall-carers. B’din il-miżura, dawn il-persuni mhux se jibqa’ jkollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom minkejja li ma jkunux aktar meqjusa bħala l-kap tal-familja. Issa ddaħħal tibdil kif imħabbar fil-Baġit 2023 li bih dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel bla tnaqqis.  Din il-miżura tfisser li dawn il-persuni se jibqgħu bi €13.21 fil-ġimgħa aktar fi bwiethom li issa mhux se jibqgħu jitnaqqsulhom.

Intant, is-Sibt li gej se jsir ukoll  pagament tal-In-work Benefit li jkopri l-ewwel tliet xhur tas-sena. B’kollox hemm 22,500 familja li se jirċievu €3.2 miljun bejniethom. Il-proċess issa sar wieħed awtomatiku u ma hemmx bżonn iżjed li ssir applikazzjoni. Dan il-benefiċċju jitħallas lill-ġenituri ta’ tfal dipendenti taħt it-23 sena, liema ġenituri iridu jkunu jaħdmu u lid-dħul mill-impjieg tagħhom (wara li titnaqqas l-bolla) ma jaqbiżx:

€50,000 fis-sena għall-koppji li jaħdmu t-tnejn;

€35,000 għall-koppji li wieħed mill-ġenituri jaħdem jew single parent li jaħdem. Waqt it-tħaddim ta’ dan l-eżerċizzju nstab li li kien hemm 10,300 familja oħra b’15,400 tifel u tifla. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi, in-nefqa fuq dan il-benefiċċju qabżet b’€6.7 miljun għal €13.7 miljun.

Intant, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet saret analiżi ta’ statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjoanli tal-Istatistika fejn ikkonfermat li n-nefqa soċjali fl-2022 żdiedet b’€81 miljun fuq is-sena ta’ qabel.  Din iż-żieda kienet l-aktar waħda għolja qatt reġistrata minn sena għall-oħra. Matul l-2022 in-nefqa globali fuq il-benefiċċji soċjali laħqet €1.2 biljun, maqsuma f’madwar €966 miljun f’pensjonijet u benefiċċji kontributorji u €242 miljun f’benefiċċji mhux kontibutorji.  Dan l-ammont huwa €426 miljun ogħla minn dak li kien intefaq 10 snin qabel, żieda ta’ 54.5%. Ġie spjegat li fattur ewlieni għaż-żieda fin-nefqa is-sena l-oħra kien iż-żidiet u t-titjib li sar bit-twettiq ta’ pakkett b’saħħtu ta’ miżuri fil-Budget għall-2022.  Dawn kienu jinkludu żieda ta’ €5 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet, l-introduzzjoni ta’ aġġustament gradwali fil-pensjoni tar-romol u t-tnedija ta’ tibdil fil-mekkaniżmu tal-bonus tal-għoli tal-ħajja biex eventalwalment dan jibda jitħallas bl-istess rata sħiħa lill-pensjonanti kollha.    

Naturalment komplew jiżdiedu wkoll il-pensjonanti, anke permezz ta’ miżura ġdida li biha ġew rikonoxxuti kontribuzzjonijiet imħallsin qabel l-età ta’ 19-il sena u b’hekk madwar 2,000 persuna, ħafna minnhom nisa, bdew igawdu minn pensjoni.  B’kollox in-nefqa fuq il-pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol flimkien mal-bonus kontributorju telgħet bi kważi €55 miljun. Meta wieħed imbgħad janalizza x’wassal għal żieda ta’ aktar minn 54% fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-aħħar għaxar snin isib li dawn kienu:

• Mill-anqas 110 miżuri soċjali immirati għall-pensjonanti u anzjani;

• Mill-anqas 268 miżuri soċjali għall-familji u l-ħaddiema, ħafna minnhom f’benefiċċji soċjali;

• Żieda ta’ mill-anqas €37 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet kollha u dawk fuq il-pensjoni minima żdiedu saħansitra sa €57 fil-ġimgħa;

• Sar programm estensiv ta’ reviżjonijiet fil-pensjonijiet li kienu ilhom snin kbar ma jsiru fejn tħallsu aktar minn €45 miljun f’arretrati lill-madwar 42,000 pensjonant, minbarra ż-żidiet fir-rati tal-pensjoni sussegwenti;

• Żieda ta’ aktar minn 20,000 fl-għadd ta’ pensjonanti mill-2012 ’l hawn, speċjalment tal-irtirar u r-romol.

Iċ-ċifri tal-NSO wrew li n-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji kibret bi €30 miljun. L-akbar impatt fuq in-nefqa kienu żewġ miżuri ewlenin li tniedew lejn l-aħħar tal-2022 u li bejniethom kienu jinvolvu żieda ta’ €24.5 miljun. Il-fond allokat għall-Għajnuna Supplimentari tela’ bi ftit anqas minn €18-il miljun għal €31.2 miljun, parzjalment minħabba titjib li sar fir-rati li jitħallsu koppji u persuni bi dħul relattivment baxx; iżda l-aktar għax ma’ din l-assistenza bdiet tingħata għotja addizzjonali mal-kumpens annwali għall-għoli tal-ħajja biex familji u persuni bi dħul baxx jew fuq il-benefiċċji soċjali jkunu jistgħu jlaħħqu aħjar fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-inflazzjoni. 

Din l-għotja tħallset f’Diċembru skont mekkaniżmu li tfassal apposta biex ikejjel il-kumpens biex iwieżen lill-persuni eliġibbli. Il-ħlas ta’ dan il-benefiċċju fl-2022 biss laħaq €13.8 miljun li marru għand madwar 41,000 familji li jirrappreżentaw 80,000 persuna.  Madwar 3,500 familja oħra ħadu l-kumpens tagħhom fil-bidu ta’ din is-sena biex is-somma telgħet għal €14.8 miljun. Il-tieni miżura li ħalliet impatt qawwi fuq in-nefqa kienet dik li wessgħet il-faxex tad-dħul fl-għoti tal-InWork Benefit sabiex aktar ġenituri li jaħdmu u bi tfal taħt it-23  sena jkunu jistgħu jgawdu wkoll minn dan il-benefiċċju. Fil-fatt, bis-saħħa ta’ dan it-tibdil madwar 9,000 familja b’14,000 tifel u tifla saru eliġibbli għal dan il-benefiċċju.  Dawn il-familji tħallsu mingħajr il-ħtieġa li jitfgħu applikazzjoni għax intgħażlu skont id-dħul tagħhom kif reġistrat mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi. Waqt it-tħaddim ta’ dan l-eżerċizzju nstab li kien hemm 10,300 familja oħra b’15,400 tifel u tifla li għalkemm eliġibbli għal benefiċċju skont id-dħul taħt il-limiti l-antiki għal xi raġuni jew oħra naqsu li japplikaw. Fid-dawl ta’ din l-informazzjoni ġie deċiż li jsir il-ħlas dovut lilhom ukoll mingħajr il-ħtieġa li japplikaw.  Din il-prattika ser tibqa fis-seħħ u kull familja eliġibbli għall-In-work Benefit issa titħallas awtomatikament. B’riżultat ta’ dawn l-iżviluppi l-ispiża fuq dan il-benefiċċju qabżet b’€6.7 miljun għal €13.7 miljun.

Żidiet oħra ġew irreġistrati fin-nefqa fuq iċ-Children’s Allowance, fl-Assistenzi għad-Diżabilità u fil-Benefiċċji għall-carers. Meta wieħed iqabbel l-investiment fuq pensjonijiet u benefiċċji soċjali fl-2022 ma’ dak li kien sar għaxar snin qabel, isib qabża kbira ta’ €426.3 miljun.  In-nefqa fuq pensjonijiet u benefiċċji kontributorji żdiedet bi €362.7 miljun jew 61.4% waqt li dik fuq benefiċċji mhux kontributorji żdiedet €64.9 miljun jew 36.5%. In-nefqa fuq il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedet minkejja tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ dawk li jiddependu fuq l-assistenzi soċjali.  Dan ifisser li waqt li naqsu in-nies bi dħul baxx, żdiedu sostanzjalment il-benefiċċji li qed jitħallsu lil min verament għandu bżonn.  Fil-fatt, ras għal ras l-ispiża fuq dawn l-assistenzi rduppjat mill-2012 ‘l hawn bit-titjib li kien hemm fir-rati imħallsa.

PR230431

22/03/23

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA

Inwettqu Flimkien: 17,000 metru kwadru ta’ spazju aħdar jinfetaħ għall-pubbliku fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa


Ir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar se jibdew igawdu minn spazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru, hekk kif tlesta l-ewwel fażi tal-proġett li wasslet għall-ftuħ tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa. Permezz ta’ din il-picnic area, qed nagħtu lill-pubbliku spazju ieħor fejn jirrikreaw ruħhom qalb 4,000 siġra.​​

L-ewwel fażi tal-proġett f’Bengħajsa qed joffri picnic area daqs żewġ grawnds tal-futbol. Dan il-Park tal-Familja huwa t-tielet spazju aħdar li qed jinfetaħ din is-sena mill-Ministeru għall-Ambjent, wara li nfetħu l-Park tal-Klieb f’Ta’ Qali u l-estensjoni tal-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar.

Dan tħabbar waqt żjara fil-park mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul.

Ġie spjegat kif il-picnic area hija attrezzata b’bankijiet magħmula minn materjal sostenibbli. Matul il-passaġġ, ġew installati tabelli b’informazzjoni relatata mat-tip ta’ siġar u arbuxelli differenti li hemm fil-park u l-karatteristiċi tagħhom. Għat-tgawdija tat-tfal ġew installati wkoll strutturi ta’ obstacle games. Project Green se tkun responsabbli miż-żamma ta’ dan il-park.

B’kollox ġew imħawla madwar 4,000 siġra minn diversi entitajiet fosthom Infrastructure Malta u Ambjent Malta. 1,800 siġra ġew imħawla bħala parti mill-inizjattiva ma’ Puttinu Cares fejn għal kull donazzjoni ta’ €300 jew aktar mill-pubbliku għal Puttinu, tħawlet siġra jew arbuxell.

“L-investimenti li qed nagħmlu fin-Nofsinhar ta’ pajjiżna qed iħallu l-frott, u llum huwa ta’ sodisfazzjoni li qed niftħu għall-pubbliku dan il-Park tal-Familja f’Bengħajsa, żona li fil-passat kienet ġiet ikkunsidrata għal żvilupp ta’ miżbla jew bħala estensjoni għal proġett kummerċjali. Minflok, ir-residenti ta’ Birżebbuġa se jkunu qed igawdu wieħed mill-akbar parks fin-Nofsinhar ta’ Malta. Inħeġġeġ ukoll lill-pubbliku sabiex jiġi u jgawdi dan l-ispazju aħdar,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Il-Ministru Dalli laqgħet il-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Girl Guides biex ikollhom ukoll spazju f’dan il-park għall-attivitajiet tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv Steve Ellul spjega kif Project Green qed tadatta l-ispazji miftuħa għall-komunità, bil-ħsieb ukoll biex jitgawdew minn kulħadd, inkluż dawk li jagħmlu użu minn wheelchair. Għalhekk, il-picnic benches ġew adattati biex persuni b’wheelchair ikollhom spazju wkoll mal-mejda.

Huwa saħaq li l-ftehim li ġie ffirmat mal-Malta Girl Guides, li taħdem prinċiparjament mat-tfal u ż-żgħażagħ, se jkompli jassisti lil din l-organizzazzjoni fl-attivitajiet tagħha biex it-tfal ikollhom spazju sigur fejn jitgħallmu. “Dawn huma r-riżultati ta’ ħidma mal-komunità fejn smajna u issa qed inwettqu,” saħaq is-Sur Ellul.

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa huma mis-6:30am u sad-9:00pm bejn April sa Settembru u mis-6:30am sas-7:00pm bejn Ottubru sa Marzu. 

PR230420

21/03/23

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI

Inwettqu Flimkien: Imwaqqfa l-Low Wage Commission bil-għan li jkun hemm reviżjoni tal-paga minima


Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar it-twaqqif tal-Low Wage Commission, li l-għan tagħha huwa li sal-aħħar tas-sena tagħti rakkomandazzjonijiet biex ikun hemm reviżjoni tal-paga minima f’pajjiżna.

Wara li kien ġie ffirmat ftehim storiku bejn il-gvern u l-imsieħba soċjali, fejn għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin, il-paga minima kienet għoliet b’mod li jmur oltre miż-żidiet tal-COLA, fl-istess ftehim kien ġie maqbul ukoll li tiġi ffurmata l-Low Wage Commission.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul stqarr li biex jiġi aċċertat dan kollu, il-Kummissjoni ser tkun irregolata permezz ta’ liġi speċifika. Huwa semma kif il-Kummissjoni ser tkun magħmula minn diversi partijiet hekk kif ser tkun ippreseduta miċ-Chairperson tal-MCESD, b’rappreżentanti tal-unjins u ta’ min iħaddem, kif ukoll b’rappreżentanti tal-gvern.

“Bħala gvern ħassejna li għandna nagħtu s-sapport u l-għodda neċessarja lil din il-Kummissjoni. Għaldaqstant, f’din il-liġi li se tiġi ppubblikata illum, għamilniha possibbli li din il-Kummissjoni tingaġġa esperti, liema esperti jkunu jistgħu jgħinuha b’kalkoli u analiżi speċifiċi fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-Kummissjoni,” stqarr Andy Ellul.

Huwa qal ukoll li l-gvern jirrappreżenta kemm lill-ħaddiem u anke lil min iħaddem u għaldaqstant irid jassigura li, filwaqt li ma jitfax piżijiet kbar fuq in-negozji, kull ħaddiem ikollu biżżejjed dħul biex jgħix ħajja diċenti.

“B’dak li qed inħabbru llum mhux biss huwa pass importanti lejn il-ħolqien ta’ soċjetà aktar ġusta imma huwa wkoll pass storiku fl-istorja tad-djalogu soċjali f’pajjiżna. Din tirrifletti wkoll l-impenn tal-gvern biex itejjeb il-livell tal-għajxien taċ-ċittadini kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli fostna,” temm jgħid is-segretarju parlamentari.

PR230419

21/03/23

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U L-PROĠETTI KAPITALI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-FONDI EWROPEJ

Inwettqu Flimkien: Skema ta’ €15-il miljun għal xiri ta’ vetturi elettriċi


Tnediet skema ġdida ta’ €15-il miljun għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Din l-iskema għax-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda, inklużi muturi ġodda, għall-individwi privati, organizzazzjonijiet mhux governattivi, negozji u kumpaniji privati, hija ffinanzjata mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRP).

Din l-iskema għandha tgħin fix-xiri ta’ vetturi elettriċi ġodda fil-Kategoriji L, M u N tal-UE, li jikkonsistu f’karozzi tal-passiġġieri, vannijiet, vetturi li jġorru l-merkanzija, minibuses, kowċis, quadricycles, muturi, u pedelecs, bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ vetturi antiki b’mutur konvenzjonali mit-triq.

Il-Ministru Farrugia spjega li din l-iskema hija waħda minn ħafna li Transport Malta se tkun qed tniedi sabiex tippromwovi l-użu ta’ vetturi aktar nodfa. “Permezz ta’ din l-iskema qed naraw li nkomplu nimbuttaw ‘il quddiem mezzi ta’ trasport li huma ferm aktar ambjentalment nodfa. Dan huwa investiment dirett fin-nies hekk kif mhux biss qed noffrulhom għajnuna finanzjarja biex jibdlu l-vettura tagħhom, imma huwa wkoll investiment dirett li jwassal għal kwalità ta’ arja aħjar. Ta’ min ifakkar li s-settur tat-trasport huwa l-akbar kontributur fit-tniġġis tal-arja u b’hekk bħala Gvern se nkomplu ninvestu f’dan il-qasam,” stqarr il-Ministru Farrugia.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-iskema tal-vetturi elettriċi ffinanzjati mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, qed tgħin biex is-settur tat-trasport isir aktar sostenibbli u jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi privati tagħna. “Hemm allokati €50 miljun, mifruxa fuq tliet snin, fejn €15-il miljun ġew allokati fl-2022, €15-il miljun oħra qegħdin nallokawhom għal din is-sena u l-aħħar €20 miljun se jiġu allokati sal-aħħar tal-2024, bil-għan li aktar sewwieqa jagħmlu l-bidla lejn vetturi elettriċi,” stqarr is-segretarju parlamentari.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chief Officer – Land Transport fi ħdan Transport Malta (TM) Pierre Montebello qal li bħala regolatur tat-trasport f’pajjiżna, TM tinsab kommessa li toffri aktar opportunitajiet sabiex pajjiżna ikollu trasport aħjar u aktar ambjentalment sostenibbli. “Huwa propju għalhekk li nedejna din l-iskema u flimkien ma’ inizjattivi oħra, inkluż dawk ta’ trasport pubbliku b’xejn, TM qed tassigura li jkollna trasport aktar nadif, effiċjenti u sostenibbli f’pajjiżna,” stqarr Pierre Montebello.

Applikanti li jissodisfaw il-kriterji ta’ din l-iskema, jistgħu jkunu xtraw il-vettura mill-1 ta’ Jannar 2023 ‘il quddiem. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq www.transport.gov.mt.​

PR230381

14/03/23

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI

Insaħħu l-għajnuna biex issir sid darek


Jiżdied l-ammont tas-self fuq id-depożitu tal-10% lill-first-time buyers

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ħabbar li l-gvern se jkun qiegħed jgħolli l-ammont tas-self mingħajr imgħax fuq id-depożitu tal-10% lill-first-time buyers.

Il-Ministru spjega li ż-żieda fl-ammont, li kienet ukoll wegħda elettorali, ifisser li se jkunu qed jgħollu d-depożitu massimu li lesta tkopri l-Awtorità tad-Djar minn €17,500 għal €22,500. Dan ifisser li l-first-time buyers li jibbenefikaw minn din l-għajnuna, issa se jkunu jistgħu jakkwistaw proprjetà li l-valur tagħha jista’ jlaħħaq l-€225,000.

“It-tisħiħ ta’ din l-iskema huwa eżempju ċar tal-viżjoni ta’ dan il-gvern, dik li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura,” sostna l-Ministru Galdes, filwaqt li enfasizza kif dan it-tisħiħ huwa xprunat mid-djalogu kontinwu maż-żgħażagħ u r-rieda li jwettqu flimkien il-ħolma li aktar nies isiru sidien tal-ewwel dar tagħhom.

Huwa tenna kif din l-iskema hija parti minn kullana wiesgħa ta’ għajnuniet differenti li l-gvern qiegħed joffri biex aktar persuni jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jsiru sidien ta’ darhom, fosthom:

  • Eżenzjoni fuq it-taxxa tal-boll;
  • Għotja ta’ €15,000 jekk il-proprjetà tkun fil-qalba ta’ raħal f’Malta jew €30,000 jekk il-proprjetà tkun fuq il-qalba ta’ raħal f’Għawdex;
  • Għotja ta’ €10,000, b’pagament ta’ €1,000 fis-sena fuq medda ta’ 10 snin.

L-għan ta’ din l-iskema, li tnediet fl-2020, hi li tgħin lil first-time buyers li għandhom taħt l-40 sena, li minkejja li huma eliġibbli għal self mill-bank fuq proprjetà, ma jkollhomx il-likwidità meħtieġa biex iħallsu d-depożitu meħtieġ ta’ 10% fuq l-iffirmar tal-konvenju biex b’hekk isiru sidien ta’ darhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li “l-ħidma tal-Awtorità tad-Djar ma tieqafx mal-introduzzjoni ta’ skemi ġodda iżda konsistentament tibqa’ tara kif dawn jibqgħu jissaħħu tul iż-żmien.” Huwa saħaq li sal-lum, din l-iskema diġà għenet aktar minn 200 familja jsiru sidien ta’ darhom, u permezz ta’ dan it-tisħiħ se jibqgħu jippremjaw il-bżulija u jassiguraw li din l-iskema tkun kapaċi tilqa’ għan-neċessitajiet tas-snin li ġejjin.​

PR230258

17/02/23

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

Għotja ta’ €1,000 fis-sena għal 10 snin għall-first-time buyers


Il-Prim Ministru Robert Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, ħabbar id-dettalji dwar it-twettiq ta’ miżura oħra mill-manifest elettorali li se tara l-first-time buyers igawdu minn għotja ta’ €1,000 fis-sena għal 10 snin. B’dawk il-first-time buyers li xtraw proprjetà s-sena li għaddiet u li għaliha ħadu self mill-bank, se jkunu jistgħu jibdew japplikaw mal-Awtorità tad-Djar min-nhar it-Tnejn 20 ta’ Frar.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-iskop tal-għotja huwa wieħed ċar, li l-Gvern jgħin liż-żgħażagħ biex il-ħolma tagħhom li jkollhom l-ewwel dar ma tkunx piż iżda ħolma sabiħa.

Din il-miżura qed titwettaq f’inqas minn sena mit-tħabbira tagħha waqt il-kampanja elettorali u se tkun qed tingħaqad ma’ wegħdi importanti oħra li diġà twettqu.

Il-Prim Ministru spjega li l-isfidi tal-first-time buyers nafuhom biżżejjed, ir-rieda li jiksbu d-dar tagħhom biex fiha jibnu l-futur u l-familja tagħhom fiż-żmien li qed iwittu l-karriera tagħhom. Bil-Gvern irid ikun magħhom fl-ewwel passi ta’ dan il-vjaġġ, li jkunu l-aktar iebsin mill-vjaġġ kollu. Din l-iskema se tkun qed tingħaqad mal-ħafna li l-Gvern daħħal matul is-snin maħsuba għal dan il-għan. Uħud maħsuba għal ħafna bħat-tneħħija tat-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, oħrajn għal dawk f’ċirkostanzi partikolari bħall-iskemi Equity Sharing u New Hope, kollha bl-għan qawwi ta’ ġustizzja soċjali.

Il-Prim Ministru kkonkluda li dan hu l-iktar Gvern li ħadem biex kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. Bil-prinċipju jkun li f’dan il-pajjiż kulħadd ikun jista’ jwettaq l-aspirazzjonijiet u l-ħolm tiegħu biex jasal fejn jixtieq. Għan li qed jintlaħaq għaliex dan hu Gvern li l-kelma li jagħti jżommha u hu determinat li jkompli jġib din il-bidla pożittiva f’ħajjet in-nies.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes saħaq li din l-għotja tidħol perfettament f’dik li hija l-kullana ta’ servizzi, għajnuniet, u skemi li l-Gvern ġab fis-seħħ tul dawn l-aħħar snin fis-settur tal-akkomodazzjoni. Settur reżiljenti minkejja l-isfidi kollha li qed tesperjenza d-dinja għaliex dan il-Gvern qatt ma abbanduna lil dawk li qed ifittxu li jaċċessaw is-suq tal-proprjetà, anzi qed inżidu l-inizjattivi sabiex kull min jaħdem u jistinka biex jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu jkun aġevolat mill-Istat.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa qal li llum il-ġurnata qegħdin naraw kif l-awtorità espandiet il-ħidma tagħha u ma għadiex assoċċjata biss mal-akkomodazzjoni soċjali. Illum l-awtorità għandha rwol importanti li ssegwi u tirregola s-settur biex tassigura li jibqa’ wieħed li jaħdem għal kulħadd.

Din l-għotja mhux se tkun soġġetta għal test tal-mezzi u l-Awtorità tad-Djar se tkun qed toħroġ il-pagamenti annwali fix-xahar ta’ Ġunju, permezz ta’ bank transfer direttament fil-kont tal-applikant, jekk huwa benefiċjarju waħdu, jew fil-kont konġunt fil-każ li l-applikanti jkunu koppja.

L-applikanti li jkunu xtraw l-ewwel dar residenzjali tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2022 għandhom sal-31 ta’ Mejju 2023 sabiex japplikaw u jirċievu l-ewwel pagament f’Ġunju tal-2023. F’każ ta’ kuntratti li saru fl-2023, applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni sa Marzu 2024, bl-ewwel pagament jinħareġ f’Ġunju 2024.

L-applikazzjonijiet se jkunu jistgħu jiġu aċċessati mis-sit housingauthority.gov.mt.​​

PR230208

08/02/23

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U L-INTRAPRIŻA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI

L-iskema Community Greening Grant ta’ Project Green qed tattira l-interess ta’ ħafna stakeholders


Aktar minn 60 kunsill lokali u għaqdiet volontarji jattendu sessjoni ta’ tagħrif

L-iskema ta’ €10 miljun Community Greening Grant varata minn Project Green qed tattira interess qawwi minn diversi stakeholders, hekk kif ħafna minnhom ħadu sehem f’sessjoni ta’ informazzjoni li saret aktar kmieni llum.

Din l-iskema, li tnediet ġimagħtejn ilu, qed tħeġġeġ u ser tgħin komunitajiet fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ambjentali fil-lokalitajiet tagħhom. Is-sessjoni ta’ informazzjoni serviet bħala gwida dwar l-iskema permezz ta’ case studies u prattiċi rakkomandabbli, hekk kif l-applikanti prospettivi qed iħejju l-proposti tagħhom. Il-linji gwida u l-applikazzjoni tfiehmu b’mod aktar sempliċi, sabiex jiġi żgurat li l-istakeholders kollha jkunu jistgħu jsegwu l-kundizzjonijiet applikabbli meta jiġu biex jissottomettu l-proġett tagħhom.

Aktar minn 60 kunsill lokali u għaqda volontarja attendew din is-sessjoni t’informazzjoni.

Fl-indirizz tagħha, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli qalet: “Qed ninkoraġġixxu lill-istakeholders biex jersqu ‘l quddiem bi proġetti innovattivi. Fl-istess waqt, Project Green se tkun qed tipprovdi l-għodda meħtieġa biex tgħinkom timplimentaw il-proġetti tagħkom, u b’hekk noħolqu lokalitajiet sostenibbli għar-residenti fil-komunitajiet tagħna”.

Il-ministru enfasizzat l-importanza tas-sostenibbiltà fid-disinn, fl-ippjanar u fit-twettiq tal-proġetti proposti, li jrid ikollhom ukoll pjan ta’ immaniġġjar fit-tul li jiżgura li l-proġetti mwettqa jibqgħu jiġu mħarsa.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli rrimarkat li l-kunsilli lokali u dawk reġjonali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-bżonnijiet ambjentali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom u kif il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tista’ titjieb.

Is-segretarju parlamentari inkoraġġiet lill-kunsilli lokali u lil dawk reġjonali jipparteċipaw f’din l-iskema, filwaqt li saħqet dwar kif permezz ta’ proġetti u inizjattivi ambjentali fil-lokalitajiet, il-kunsilli lokali se jkunu qed jikkumplimentaw l-investiment tal-gvern lejn ambjent sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul saħaq li l-għan tal-aġenzija huwa li jassisti lill-istakeholders kollha fil-kontribut tagħhom lejn lokalitajiet aktar ħodor, u li tħeġġiġhom jaħdmu aktar għall-ambjent aħjar fil-komunitajiet tagħhom.

“Il-proġetti għandhom ikunu ddisinjati biex jaqdu l-bżonnijiet tar-residenti. Permezz ta’ din l-opportunità, se nkunu qed nilħqu dawn il-miri flimkien mal-kunsilli lokali u l-għaqdiet volontarji,” qal is-Sur Ellul, filwaqt li spjega kif l-aġenzija qed timplimenta dan bi proċess li jinvolvi lil kulħadd. “Ser nassistu lill-istakeholders billi nipprovdu l-finanzjament u s-sapport neċessarju fil-ħolqien ta’ spazji ġodda pubbliċi fil-lokalitajiet tagħhom, filwaqt li se nkunu qed nirriabilitaw spazji pubbliċi eżistenti.”

Matul is-sessjoni t’informazzjoni, l-istakeholders ġew imħeġġa jidentifikaw spazji li mhux qed jiġu użati, sabiex ikunu jistgħu jagħtuhom ħajja ġdida u jibdluhom fi spazji miftuħa pubbliċi biex jitgawdew minn kulħadd.

Aktar informazzjoni fuq din l-iskema, fosthom il-linji gwida u l-formola t’applikazzjoni, tinsab fuq www.project.green. Is-sottomissjonijiet jagħlqu nhar it-Tlieta 28 ta’ Frar 2023 f’nofsinhar.​

Skip to content